Marija,
Taf inti b’liema mod Alla jippremja r-ruħ fidila? Huwa jippremjaha billi jagħtiha l-paċi.
L-Aħħar Aġġornamenti
Il-ktieb ta’ Dun Ġorġ, Id-Dixxipulat, huwa ktieb li permezz tiegħu Dun Ġorġ jippreżenta l-programm ta’ ħajja li poġġa Ġesù Kristu nnifsu lil dawk li jixtiequ jimxu warajh. Il-kelma dixxipulat timplika li wieħed bħal student fi skola jkollu r-rieda li jitgħallem u jipprattika dak li jippreżenta l-Imgħallem tiegħu. Fl-ewwel parti tal-ktieb, bl-isem Eżemplari tas-Suġġett, Dun Ġorġ joffri tagħlim spiritwali sod li fuqu wieħed għandu jibni l-fidi tiegħu. Wieħed għandu jaqra b’mod riflessiv biex jaħseb fuq dak li qed jaqra. Fost is-suġġett ttrattati wieħed isib: il-perfezzjoni t’Alla, x’inhu li Alla jrid, prinċipji morali u x’għandu jsir biex jiġi evitat d-dnub. It-tieni parti tal-ktieb titkellem dwar dawk li Dun Ġorġ isejħilhom Programmi fl-Iskola ta’ Kristu Ġesù’. Dawn huma sitta u għoxrin suġġett li joffru mezzi biex wieħed jieħu sehem f’din il-mixja wara Ġesù. Dawn il-programmi jitkellmu dwar l-ispirtu ta’ ċaħda u l-persekuzzjoni, l-imħabba, il-penitenza u l-fidi ħajja bil-perseveranza, l-intenzjoni retta, s-skiet... Fi kliem ieħor, Dun Ġorġ iridna nimxu wara Ġesù skont il-programm li ħoloq għalina fl-Evanġelji. Dun Ġorġ iħeġġiġna biex ma neħħu qatt għajnejna minn fuq Ġesù li hu jsejjaħlu l-bniedem il-ġdid, il-bniedem tas-sema, il-bniedem spiritwali. Ġesù hu tassew għalina l-bniedem il-ġdid li kapaċi jġeddidna jekk aħna nsegwu l-programm fl-iskola tiegħu. Irid ikollna qalb miftuħa u rieda soda għas-sejħat tal-Ispirtu biex bl-għajnuna t’Alla nwettqu l-programm ta’ Ġesù f’ħajjitna u naslu għall-perfezzjoni. Eżemplari tas-Suġġett - X’inhuwa li Alla jrid? Alla jrid li nagħrfuh, li nħobbuh u li naqduh. Alla jrid li aħna ninħabbu bis-sinċerità. Alla jrid li kollox nagħmlu għall-glorja tiegħu. Alla jrid li nagħmlu lill-oħrajn dak li rridu magħmul lilna. Alla jrid li nweġġħu l-ġenituri tagħna. Alla jrid li niċħdu lilna nfusna. Alla jrid li nagħtu lil kull wieħed dak li hu tiegħu. Alla jrid li nadurawh bl-ispirtu u bl-verità. Alla jrid li ntemmu l-wegħdiet tagħna. Alla jrid li rroddu dak li m’hux tagħna. Programm fl-Iskola ta’ Kristu - L-Ubbidjenza Infatti dwar l-ubbidjenza Kristu qal: “Mhux min igħidli Mulej, Mulej, jidħol fis-saltna tas-smewwiet, imma min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri, li huwa fis-smewwiet, dan jidħol fis-saltna tas-smewwiet,” u Kristu qal ukoll: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda ta’ dak li bagħatni.” Immela l-programm fl-Iskola ta’ Krisu huwa l-ubbidjenza.
Aqra AktarMeta naħsbu fuq il-ħajja spiritwali tagħna, ħafna drabi nistgħu nkunu ttentati li nħarsu lejha b’mod astratt u vag bil-konsegwenza li nsibuha diffiċli li nifhmu eżatt x’hemm bżonn isir biex nikkonvertu jew nimxu ’l quddiem. Imma din ma kinitx problema għal San Girgor ta’ Nissa. F’waħda mill-omeliji tiegħu dan il-qaddis jispjega: “Ħu biċċa ħadid bħala eżempju. Għalkemm għall-ewwel ma tidhirx tajba għax beda jidher is-sadid, ladarba s-sadid ikun ġie mibrux sewwa, jerġa’ jibda jiddi b’mod brillanti u jirrifletti r-raġġi tax-xemx. Hekk hu l-bniedem minn ġewwa, dak li l-Mulej ifisser meta jsemmi l-qalb... Ladarba wieħed ineħħi minn ruħu l-kisja tal-ħmieġ li kiber fuqha minħabba t-traskuraġni tad-dnub tiegħu, jerġa’ jikseb ix-xebh tiegħu mal-mudell tiegħu (Ġesù), u jsir tajjeb. Għax dak li jixbah lil dak li Hu t-tajjeb innifsu (Ġesù), huwa tajjeb ukoll. Din hi l-barka ta’ dawk safja fil-qalb, meta jaraw is-safa tagħhom stess, jaraw il-mudell divin rifless fihom infushom.”
Aqra AktarHeidi’s Show and Tell
(Meta Nikber)
Wara il-pubblikazzjoni I Am (Jien), ktieb għat-tfal ippubblikat minn Lara Fenech, issa għandna l-ktieb When I Grow Up: Heidi’s Show and Tell (Meta Nikber). Din l-istorja tirrakkonta b’mod poetiku l-għodwa eċitanti ta’ għalliema, Hannah, li tistieden lill-istudenti żgħażagħ tagħha biex jaqsmu l-ħolm tagħhom għall-futur. Fost il-festa ta’ kuluri, kostumi u karrieri, Heidi, waħda mill-istudenti tagħha, tixtieq taqsam il-ħolma li hija żammet fil-moħbi ma’ sħabha. Il-kunċett ta’ ‘show and tell’ irawwem ħiliet ta’ taħdit fil-pubbliku fit-tfal biex iħossuhom aktar komdi jitkellmu quddiem sħabhom, billi jużaw kliem deskrittiv u sentenzi sħaħ. Permezz ta’ din il-pubblikazzjoni Lara tkompli tilħaq liż-żgħar billi taqsam magħhom l-imħabba, il-paċi u s-serħan il-moħħ li joffrilna Ġesù f’dinja ta’ sfida emozzjonali. Dan il-ktieb jinsab għall-bejgħ minn Librerija Preca.
Aqra AktarDun Ġorġ kien persuna li kellu devozzjoni vera lejn Marija Santissma. Huwa kien jistieden lin-nies biex jagħmlu tliet inkini lill-Madonna, b’unur tal-konċepiment immakulat tagħha, tal-maternità tagħha u tat-tlugħ tagħha fis-sema. Apparti minn hekk, huwa kellu devozzjoni speċjali lejn il-Madonna tal-Parir it-Tajjeb. Fuq ħajt fid-dar tiegħu, Dun Ġorġ kellu immaġini tagħha u kulmeta kien jgħaddi minn quddiemha, kien jitlob: Omm tal-Parir it-Tajjeb, itlob għalija. Il-kappella dedikata lill-Madonna tad-Domna Mirakuluża maġenb id-Dar Ġenerali tas-Soċejtà fil-Blata l-Bajda hi monument ħaj tal-ħidma tiegħu favur din id-devozzjoni. Dun Ġorġ ta importanza lit-talba ta’ kuljum tar-Rużarju. Fl-1957, huwa kiteb ħames Misteri ġodda, il-Misteri tad-Dawl biex jgħin lill-Membri jimmeditaw il-ħajja pubblika ta’ Kristu. Dawn jixbhu ħafna l-Misteri tad-Dawl li l-Papa Ġwanni Pawlu II żied uffiċjalment mal-misteri tar-Rużarju f’Ottubru tal-2002 bl-ittra Apostolika tiegħu Rosarium Virginis Mariae. Huma ħafna l-kitbiet ta’ San Ġorġ Preca dwar il-Madonna, fosthom talb u diversi ċelebrazzjonijiet għall-festi maġġuri Marjani matul is-sena. O Verġni Mbierka, o Bieb tas-sema, o Omm tal-ħniena, o Għaxqa t’Alla, Itlob għalina. Għax aħna nafu li xejn ma jiċħadlek dak li għolliek għad-dinjità ta’ Omm Divina. Ammen. O Marija, kemm inti kbira! Aħna għarafniek kbira, għax inti Omm is-Salvatur tagħna li huwa veru Alla u veru bniedem f’persuna waħda divina, u għalhekk inti Omm Alla, għax il-persuna tiegħu hija divina għax hija t-tieni persuna tas-Santissma Trinità.
Aqra AktarMay – Jun 2024 Aqra Aktar
Il-Papa Franġisku, fl-ittra tiegħu L-Irwol tal-Letteratura fil-Formazzjoni, ippubblikata fis-17 ta’ Lulju 2024, jenfasizza l-irwol essenzjali li għandha l-letteratura fit-tiswir tar-ruħ u l-intellett tal-bniedem. Jibda billi jirrikonoxxi l-effett sinifikanti li xogħlijiet letterarji kbar kellhom fuq individwi u soċjetajiet tul l-istorja. Hu jargumenta li l-letteratura hija aktar minn sempliċi forma ta’ arti. Hija mezz li permezz tagħha niltaqgħu mal-profondità tal-esperjenza umana, nesploraw temi ta’ mħabba, tbatija, ferħ u tama. Il-letteratura tipprovdi spazju fejn il-qarrejja jistgħu jiffaċċjaw mistoqsijiet fundamentali dwar l-eżistenza, il-moralità u l-ispiritwalità. Il-Papa jenfasizza li l-letteratura għandha s-setgħa li tiżviluppa l-empatija billi tippermetti lill-qarrejja jaraw id-dinja minn għajnejn ħaddieħor, u trawwem fehim akbar ta’ kulturi, perspettivi u esperjenzi differenti. Dan l-impenn fl-empatija huwa kruċjali għall-bini ta’ soċjetà aktar ġusta u ta’ kompassjoni. Barra minn hekk, il-letteratura tistimula l-ħsieb kritiku, tisfida lill-qarrejja biex jirriflettu fuq it-twemmin, il-valuri u l-assunzjonijiet tagħhom stess. Tistedinhom jisfidaw l-istatus quo u jimmaġinaw possibilitajiet ġodda għall-futur. Il-Papa Franġisku jenfasizza wkoll l-importanza tal-letteratura fil-formazzjoni spiritwali u morali tal-individwi. Permezz ta' stejjer u karattri, il-letteratura tista' tispira lill-qarrejja biex jikbru fil-virtù, l-għerf u f’relazzjoni aktar profonda mad-divin. Huwa jappella lill-edukaturi, lill-ġenituri u lill-mexxejja biex jippromwovu l-qari ta’ letteratura ta’ kwalità bħala mezz biex jitrawwem it-tkabbir morali u intellettwali taż-żgħażagħ. F’dinja dejjem aktar iddominata mis-superfiċjalità u s-sodisfazzjon immedjat, il-Papa jħeġġeġ biex nerġgħu lura lejn l-impenn kontemplattiv u riflessiv li titlob minna l-letteratura. Fl-aħħarnett, il-Papa Franġisku jikkonkludi billi jfakkarna li l-letteratura mhix biss sforz privat imma wkoll komunitarja li kapaċi tgħaqqad lin-nies tul iż-żmien u l-ispazju. Huwa rigal li għandu jinqasam għall-ġid ta’ kulħads biex permezz tiegħu l-umanità tkompli riesqa lejn il-milja tagħha. L-ittra sservi bħala sejħa biex nirrikonoxxu u nħaddnu l-qawwa trasformattiva tal-letteratura fil-formazzjoni kontinwa tal-individwi u s-soċjetà. Tista' taqra din l-ittra minn hawn!
Aqra AktarMeta nistqarru l-fidi tagħna ngħidu “Nemmen fi Knisja waħda, qaddisa, kattolika u appostolika”. Minn dal-kliem nuru li aħna nemmnu li niffurmaw parti mill-istess Knisja li Kristu waqqaf fuq l-Appostli. Fl-Evanġelju naqraw li Ġesù sejjaħ lit-tnax u għallimhom, u qabel tela’ s-sema tahom il-mandat li jwasslu l-bxara t-tajba lill-ġnus kollha. L-Appostli imbagħad ħallew mexxejja oħra warajhom biex b’hekk is-suċċessjoni appostolika baqgħet dejjem ħajja fil-Knisja. Hija din is-suċċessjoni li turi l-awtentiċità tat-tagħlim nisrani li jista’ jitwassal biss mill-Knisja appostolika. Traduzzjonijiet bil-Malti tal-kitbiet tal-Missirijiet tal-Knisja, li juru l-ġmiel tal-għerf tat-tagħlim nisrani tal-bidu, ftit li xejn jeżistu. Issa, permezz ta’ din is-sensiela, wieħed jista’ jsib miġbura siltliet li juru l-ġmiel ta’ dan it-tagħlim. F’dawn is-siltiet wieħed jista’ jsib r-risposti għall-mistoqsijiet li jista’ jkollu dwar il-fidi. Dan il-ktieb jinsab għall-bejgħ minn Librerija Preca.
Aqra AktarAħbarijiet Riċenti
Societas Doctrinæ Christianæ M.U.S.E.U.M.
207
Triq San Ġorġ Preca
Marsa MRS 9090
Malta EU