Meta nistqarru l-fidi tagħna ngħidu “Nemmen fi Knisja waħda, qaddisa, kattolika u appostolika”. Minn dal-kliem nuru li aħna nemmnu li niffurmaw parti mill-istess Knisja li Kristu waqqaf fuq l-Appostli. Fl-Evanġelju naqraw li Ġesù sejjaħ lit-tnax u għallimhom, u qabel tela’ s-sema tahom il-mandat li jwasslu l-bxara t-tajba lill-ġnus kollha. L-Appostli imbagħad ħallew mexxejja oħra warajhom biex b’hekk is-suċċessjoni appostolika baqgħet dejjem ħajja fil-Knisja. Hija din is-suċċessjoni li turi l-awtentiċità tat-tagħlim nisrani li jista’ jitwassal biss mill-Knisja appostolika.
Traduzzjonijiet bil-Malti tal-kitbiet tal-Missirijiet tal-Knisja, li juru l-ġmiel tal-għerf tat-tagħlim nisrani tal-bidu, ftit li xejn jeżistu. Issa, permezz ta’ din is-sensiela, wieħed jista’ jsib miġbura siltliet li juru l-ġmiel ta’ dan it-tagħlim. F’dawn is-siltiet wieħed jista’ jsib r-risposti għall-mistoqsijiet li jista’ jkollu dwar il-fidi.
Dan il-ktieb jinsab għall-bejgħ minn Librerija Preca.