Life in Tandem: Keeping Pace with Grace minn Edward G. Farrugia, SJ, jistudja l-ħajja ta’ San Ġorġ Preca u jesponih bħala turija tal-kobor t’Alla fost dawk l-inqas fis-soċjetà. Il-ktieb juri kif Dun Ġorġ Preca jirnexxielu jibdel l-għixien tal-ħajja ordinarja ta’ kuljum f’waħda ta’ xhieda għall-aħbar it-tajba. Farrugia jesponi kif il-ħajja ta’ Dun Ġorġ kienet mibnija fuq l-umanità mwaħħda mal-grazzja ta’ Alla u juri n-natura tal-fidi tal-Maltin permezz ta’ stejjer u paradossi spiritwali, kif ukoll kif l-appostolat ta’ Dun Ġorġ jibdel attivitajiet sempliċi f’enerġija spiritwali.
Dan il-ktieb jidħol fil-fond fit-tagħlim ta’ Dun Ġorġ u jesponi kif kien kapaċi jgħallem lill-poplu. Minkejja l-bixra serja tiegħu, huwa ħoloq ambjent sabiħ u ferrieħi fl-oqsma tal-MUSEUM u għamilhom spazji fejn tikber il-fidi. Il-ktieb juri wkoll il-fiduċja ta’ Dun Ġorġ fil-lajċi u kif kien iwassal is-sena qawwi tal-imħabba u l-ħniena t’Alla.
L-awtur jiddiskuti kemm kienet relevanti l-viżjoni li Dun Ġorġ kellu fi triq is-Salib tal-Marsa, meta Ġesù tfajjel talbu l-għajnuna biex jimbotta karretta mimlija bid-demel. Dan juri kif dak li hu meqjus bħala skart jista’ jinbidel f’ħajja ġdida u abbundanti f’Alla.
Dan il-ktieb isostni kemm Dun Ġorġ jibqa’ figura li tispira u jħeġġeġ lill-qarrejja biex jimtlew bil-kuraġġ, u kif jindika t-titlu, jimitaw lil Dun Ġorġ fl-għixien tal-grazzja għall-ħajja spiritwali ġdida.
Fid-dinja tal-lum aħna wkoll nistgħu nimxu fuq il-passi ta’ Dun Ġorġ. Huwa jinkoraġġina biex naffaċjaw l-isfidi b’kuraġġ u nieħdu l-ħajja b’entużjażmu bħala avventura li tgħinna niġġeddu spiritwalment.