Huwa artiklu tal-fidi li fl-Ewkaristija jinsab Ġesù Kristu verament, realment u sustanzjalment bil-ġisem innifsu, bid-demm, bir-ruħ, u bid-divinità tiegħu. Hekk infatti qal l-istess Ġesù Kristu fl-aħħar ċena mal-Appostli: Ħudu u kulu għax dan huwa ġismi. Agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” Hekk tgħallem bil-maġisterju infallibbli ommna l-Knisja Mqaddsa. Bosta wkoll mirakli jinqraw fl-istorja tal-Knisja fuq il-preżenza reali ta’ Ġesù Kristu fl-Ewkaristija.
Min għandu fidi ħajja fis-sagrament tal-artal ma jħallix ġurnata li ma jirċevih fis-sider tiegħu. Aħna nafu li fin-natura tagħna rridu dejjem inkunu viċini u magħqudin ma’ min inħobbu, u huwa dulur għalina ninfirdu minnu. Issa l-fidil, persważ li Kristu huwa preżenti, u li huwa hu l-uniku oġġett tal-imħabba ta’qalbu, iġarrab komfort tassew kbir f’dan is-sagrament. Hawn biss huwa d-dulur ta’ qalbu, li jkollu jippriva ruħu minn dan l-ikel divin. Dan is-sagrament huwa l-velenu kontra d-dnub. Imsejken tassew min jersaq jirċevih indenjament. Ġesù Kristu ma jinsabx kollu biss taħt l-ispeċi tal-ħobż, iżda wkoll kollu jinsab taħt l-ispeċi tal-inbid. Għalkemm aħna nekluh, aħna ma nafġuhx, lanqas infarrkuh, iżda kollu u sħiħ nirċevuh. Għalkemm nirċevuh, lanqas ma nikkunsmawh, u kif jirċevih wieħed jirċevuh eluf.
Dan huwa l-meravilja tal-omnipotenza ta’ Kristu, li dejjem Kristu wieħed għalkemm jinsab fil-leminija tal-Missier u f’kull farka tal-ħobż ikkonsagrat. Xejn la taħseb li meta tinqasam l-ostja jinqasam il-ġisem ta’ Kristu, iżda biss l-ispeċi, u f’kull parti għalkemm hemm Kristu sħiħ, però Kristu hu dejjem wieħed.
Zewġ ħwejjeġ iżommuna mit-tqarbin imqaddes: id-dnub il-mejjet u l-ksur tas-sawma. L-Appostlu San Pawl jgħallem li min jiekol indenjament l-Ewkaristija jkun jiekol il-kundanna tiegħu nnifsu. Jekk immela inti tiġġudika ruħek ħati ta’ dnub mejjet, la tersaqx qabel ma tkun iġġustifikajt ruħek bl-assoluzzjoni sagramentali, avolja ma jkunx hemm saċerdot approvat, avolja tiġġudika lilek innifsek iġġustifikat bl-indiema perfetta. Rigward is-sawma naturali kun af li din tibda minn siegħa qabel, u tinkiser b’dan il-mod: li dak li inti tieħu jkun materjal ta’ ikel jew ta’xorb.
Konklużjoni
Jidhirlek li wieħed jabbuża jersaq biex jirċievi sagrament hekk dinjituż bi dnub mejjet fuqu, jekk tassew jemmen li hemm l-istess Alla nkarnat? Għalhekk kif ma jimlikx bil-biżgħa l-ħsieb li inti sejjer tirċievi ’l Alla fik li hu tant kbir, u inti tant żgħir, anzi l-veru xejn?
Ersaq dejjem b’qalb safja anki mid-dnub il-venjal, u fuq kollox bi spirtu veru ta’ karità lejn il-proxxmu li jkun offendik, u ta’ paċi jekk tkun inti offendejtu. Jaqbel serjament li ma titqarbinx inkella li titqarben ħażin.
addattat mill-ktieb ta’ San Ġorġ Preca, Taħdit għat-Tfal (Nr. 20)