Qatt staqsejt il-mistoqsija: x’kienet l-akbar xewqa li kellu San Ġorġ Preca? Bħal kull bniedem, Dun Ġorġ, għax hekk kieku jixtieq li nsejħulu, kellu x-xewqat tiegħu. Mill-kitbiet tiegħu, huwa evidenti, li waħda mill-akbar xewqat tiegħu kienet dik li jsir jixbaħ lill-Imgħallem tagħna Ġesù Kristu. U din ix-xewqa ma kinitx waħda għalih innifsu biss, imma xtaq li kull bniedem jaħdem biex jikseb dan il-għan.
Fl-iskrittura nsibu: “Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù” (Fil 2:5). Kieku Dun Ġorġ jgħidilna: Ħudu fuqkom l-ispirtu ta’ Kristu għax l-ispirtu ta’ Kristu jinkludi kull virtù, kull qawwa tajba. Bħalma l-fuħħari joħroġ il-forma mit-tafal, aħna rridu nħallu lil Alla jkompli jaħdimna biex joħroġ minna l-immaġini ta’ Ġesù Kristu. Nibdew ninbidlu b’tali mod illi l-ħsibijiet tagħna, id-deċiżjonijiet, is-sentimenti, il-ħolm u x-xewqat tagħna, jsiru dejjem aktar konformi ma’ dawk ta’ Ġesù Kristu. Kull bniedem huwa mistieden li jibda dan il-proċess ta’ trasformazzjoni, li minn bniedem naturali jibda jieħu l-forma ta’ Ġesù biex isir il-bniedem il-ġdid, il-bniedem spiritwali.
Għalhekk Dun Ġorġ jissuġerilna biex dejjem inżommu l-ħarsa tagħna fuq Kristu Ġesù u nimitawh. Ħares lejh u iskot, ħalli lilu jkellmek u agħmel skont dak li tara u tisma’ mingħandu. Ħallih ikebbislek qalbek biex timitah f’kollox. Nissel fik ix-xewqa li l-qalb tiegħek issir tixbaħ lil dik ta’ Ġesù u ħallih bil-paċenzja kollha jibdlek ftit ftit biex issir tixbaħ lilu.
Dun Ġorġ spiss kien jipproponi biex nagħmlu l-eżerċizzju ta’ San Vincenz de Paule. F’dan l-eżerċizzju wieħed jistaqsi lilu nnifsu: Li kieku Kristu kien minfloki, x’kien jaħseb, jew x’kien igħid, jew x’jagħmel?” B’hekk id-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tiegħek ikunu dejjem imdawlin minn dak li assigurana li huwa l-unika triq li twassal għand il-Missier.
Bla dubju, wieħed mill-aqwa mezzi biex wieħed isir jixbaħ lil Ġesù huwa t-tagħlim it-tajjeb li huwa l-għajn ta’ kull ġid. L-għan prinċipali tas-soċjetà li waqqaf, is-Soċjetà tad-Duttrina Nisrani, huwa propju dan: li l-membri tagħha jsiru qaddisin u li huma stess jgħallmu biex ħaddieħor jasal ukoll biex isir qaddis permezz tat-tagħlim. Ix-xewqa għall-qdusija hija x-xewqa li nsiru nixbħu lil Ġesù, l-istess xewqa li kellu Dun Ġorġ; li mhux li kien li d-dinja kollha timxi fuq it-tagħlim ta’ Ġesù!
Nitolbu lil Alla, permezz ta’ San Ġorġ Preca, li jaqlagħlna l-grazzja li nkomplu ninbidlu f’Ġesù Kristu biex anki aħna ma’ San Pawl inkunu nistgħu ngħidu: “Nghix, imma mhux jien izda huwa Kristu Ii jghix fija” (Gal 2:20).