Fi żmien meta għal ħafna Kattoliċi l-Ispirtu s-Santu kien meqjus bħala l-persuna fit-tielet grad tat-Trinità Qaddisa, San Ġorġ Preca kellu lejn l-Ispirtu s-Santu l-qima li tassew tixraqlu. Il-Fundatur tas-Soċjetà tal-MUSEUM daħal fil-fond tat-teoloġija dwar l-Ispirtu s-Santu, hekk li spjega dwaru fid-diskorsi tiegħu, kiteb dwaru u invokah b’diversi talbiet li huma tant għeżież għalina.
Jidher li San Ġorġ Preca bena t-tagħlim tiegħu dwar in-natura tal-Ispirtu s-Santu fuq is-‘Simbolu’ (Kredu) attribwit għal San Atanasju. Fisser li r-rwol tal-Ispirtu s-Santu hu essenzjali bħalma huma rwoli tal-Missier u tal-Iben. Jgħid li kif lill-Missier tintgħata l-Potenza u lill-Iben is-Sapjenza, tingħata t-Tjubija lill-Ispirtu s-Santu.
San Ġorġ Preca jispjega b’mod li jinftiehem id-doni tal-Ispirtu s-Santu, kif rivelati f’Iżaija, kap 11 versi 2 u 3. Id-don tal-għerf inissel gost biss fil-ħwejjeġ tas-sema, u mhux fil-ħwejjeġ ta’ din l-art, li huma vera vanità; il-fehma ġġib kjarezza tal-verità tal-ħwejjeg li nemmnu; il-kunsill iqiegħed fir-ruħ id-dawl li tagħżel l-iktar mezzi meħtiega għall-qdusija; il-qawwa tagħti kuraġġ u ħila kontra kull biża’ li jitnissel mill-ħażen; ix-xjenza tagħtina tagħrif biex nistmaw il-ħwejjeg kollha skond il-valur tagħhom; il-pjetà tqiegħed fir-ruħ delizzju fil-prattiki kollha tar-religjon u fit-temmija tal-opri tal-ħniena mal-proxxmu li jkun fil-bzonn; il-biża’ ta’ Alla iqiegħed fir-ruħ biża’ qawwi li jissupera kull biża’ ieħor li jista’ jkollna.
Jispjega wkoll il-frottiet tal-Ispirtu s-Santu, imsemmija minn San Pawl lill-Galatin, kap 5, versi 22 u 23. L-imħabba hija l-għerq illi minnu joħroġ kull xorta ta’ frott tajjeb għax il-karità mhijiex kliem biss; il-ferħ huwa kumpann li ma jinfiridx minn kuxjenza tajba; il-paċi timxi dejjem wara t-trażżin ta’ kull passjoni; il-paċenzja tgħin biex insofru mingħajr tant inkwetitudni kull kuntrarju; fit-taħbit fit-tul, il-ħniena ssostni l-paċenzja biex din ma tiġix nieqsa; bil-ħlewwa, jew bil-manswetudni, wieħed jissoporti bil-kwiet il-guffaġni, id-difetti u l-inġurji tal-proxxmu; it-tjubija tħajjar biex wieħed jagħmel il-ġid; it-tjieba tipperfezzjona t-tjubija billi tghaqqad magħha l-affabbiltà u l-ħlewwa; il-fidi ġġiegħel li wieħed imantni bil-puntwalità l-kelma li jkun ta, u tabborri kull xorta ta’ gideb u ingann; il-kastità trażżan l-atti impuri fis-sensi.
San Ġorġ Preca jikkonkludi dwar il-frottijiet billi jistaqsi: “Min hu li ma jarax in-necessità tal-Ispirtu s-Santu?” Anzi jkompli jgħid li mingħajr l-Ispirtu s-Santu l-ebda ħaġa li teżisti ma setgħet tiġi maħluqa għaliex f’kull ħolqien jeħtieg li jikkonkorru flimkien it-tliet Persuni divini.
Ladarba l-bniedem għandu hekk bżonn tal-Ispirtu s-Santu, San Ġorġ Preca jistedinna biex ninvokawh spiss. U jsemmi xi ċirkustanzi: għajnuna waqt it-tentazzjoni, dawl fl-eżami tal-kuxjenza, qabel is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, fit-tribulazzjoni, qabel il-meditazzjoni, qabel ma nitkellmu, fil-mard, fid-dubju, fid-deżolazzjoni u fl-għażla tal-vokazzjoni. San Ġorġ Preca jaċċertana li l-Ispirtu s-Santu jagħti widen għat-talb tagħna.
Joe Galea
Membru