Dun Ġorġ kien persuna li kellu devozzjoni vera lejn Marija Santissma. Huwa kien jistieden lin-nies biex jagħmlu tliet inkini lill-Madonna, b’unur tal-konċepiment immakulat tagħha, tal-maternità tagħha u tat-tlugħ tagħha fis-sema. Apparti minn hekk, huwa kellu devozzjoni speċjali lejn il-Madonna tal-Parir it-Tajjeb. Fuq ħajt fid-dar tiegħu, Dun Ġorġ kellu immaġini tagħha u kulmeta kien jgħaddi minn quddiemha, kien jitlob: Omm tal-Parir it-Tajjeb, itlob għalija.
Il-kappella dedikata lill-Madonna tad-Domna Mirakuluża maġenb id-Dar Ġenerali tas-Soċejtà fil-Blata l-Bajda hi monument ħaj tal-ħidma tiegħu favur din id-devozzjoni.
Dun Ġorġ ta importanza lit-talba ta’ kuljum tar-Rużarju. Fl-1957, huwa kiteb ħames Misteri ġodda, il-Misteri tad-Dawl biex jgħin lill-Membri jimmeditaw il-ħajja pubblika ta’ Kristu. Dawn jixbhu ħafna l-Misteri tad-Dawl li l-Papa Ġwanni Pawlu II żied uffiċjalment mal-misteri tar-Rużarju f’Ottubru tal-2002 bl-ittra Apostolika tiegħu Rosarium Virginis Mariae.
Huma ħafna l-kitbiet ta’ San Ġorġ Preca dwar il-Madonna, fosthom talb u diversi ċelebrazzjonijiet għall-festi maġġuri Marjani matul is-sena.
O Verġni Mbierka,
o Bieb tas-sema,
o Omm tal-ħniena,
o Għaxqa t’Alla,
Itlob għalina.
Għax aħna nafu li xejn ma jiċħadlek
dak li għolliek għad-dinjità ta’ Omm Divina.
Ammen.
O Marija, kemm inti kbira!
Aħna għarafniek kbira,
għax inti Omm is-Salvatur tagħna
li huwa veru Alla u veru bniedem
f’persuna waħda divina,
u għalhekk inti Omm Alla,
għax il-persuna tiegħu hija divina
għax hija t-tieni persuna tas-Santissma Trinità.