Il-Papa, bħala missier tagħna fil-fidi, ma jieqaf qatt iħeġġiġna biex nitolbu għal dawk li l-iktar jinsabu fil-bżonn fi żmienna — in-nies li qed ibatu l-effetti tal-ħafna gwerer madwar id-dinja, il-mijiet kbar ta’ Nsara ppersegwitati fin-Niġer u n-Niġerja, l-eluf ta’ nies li ta’ kull sena jkollhom iħallu arthom bħala refuġjati, u ħafna oħrajn. Ifakkarna wkoll biex nitolbu għal dawk qrib tagħna, il-qraba, il-ġenituri, in-nanniet, il-ġirien tagħna.
Tassew li l-Papa għandu fiduċja kbira fil-qawwa tat-talb. U għalhekk sikwit ifakkarna wkoll biex nitolbu għalih. Il-missjoni tiegħu hi waħda kbira. Ikbar minn dak li bniedem waħdu jista’ qatt jibda, aħseb u ara li jkompli jum wara jum. Għalhekk, wara l-biċċa l-kbira mid-diskorsi tiegħu, dejjem jispiċċa b’talba sinċiera biex nitolbu għalih. Għalhekk tajjeb li nsibu ħin fil-ġurnata tagħna, forsi fi tmiem ir-rużarju jew f’xi ħin ieħor, biex nitolbu għalih, ħalli s-Sinjur Alla jibqa’ jdawlu u jgħinu jwassal id-dawl tiegħu f’dinja li kultant tidher maħkuma mid-dlam.
Sinjur Alla, o Missier, veru bidwi tad-dielja nisranija, żomm idejk fuq ir-raġel tal-leminija tiegħek, il-kap viżibbli tal-Knisja, u farraġlu qalbu, billi tgħaqqad miegħu fil-fidi u fl-ubbidjenza l-bnedmin dejjem iżjed, li Kristu Ibnek xerred demmu għall-fidwa tagħhom. U sabiex żgur naqilgħu minnek din il-ħniena, noffrulek il-pjagi ta’ Ibnek Kristu Ġesù, li mmerita għall-bnedmin kollha l-grazzja tiegħek. Ammen.