L-aħbar tal-attakk fuq l-Isqof tar-Rit Sirjaku tal-Lvant, Mar Mari Emanuel, ġriet f’qasir żmien madwar id-dinja kollha. Waqt li l-Isqof Emanuel kien qed imexxi laqgħa fi knisja f’Sydney, żagħżugħ ta’ sittax-il sena attakka lill-isqof u numru ta’ persuni minn dawk preżenti. Minħabba li din il-laqgħa kienet qed tiġi live-streamed, il-video tal-attakk xtered u f’qasir żmien folla kbira nġabret quddiem il-knisja fejn seħħ l-attakk, folla hekk kbira li l-pulizija bdew isibuha diffiċli biex jikkontrollawha.
Hekk kif l-Isqof Emmanuel irċieva l-kura li kellu bżonn, dlonk ħareġ messaġġ qasir biex in-nies ma jippruvawx ifittxu vendetta. Stqarr mill-ewwel li jaħfer lil min kien għamel dak l-att. Kompla, “… u jien dejjem nitlob għalik. U lil min bagħtek biex tagħmel dan, jiena naħfrilhom ukoll fl-isem qawwi ta’ Ġesù.”
Minbarra ż-żagħżugħ li għamel dan l-attakk, fil-jiem li għaddew il-pulizija arrestaw ħames persuni oħra suspettati li kienu qed jippreparaw biex jagħmlu attakk simili ieħor.
L-Isqof Emmanuel appella wkoll biex il-komunità tiegħu tibqa’ kalma u tikkopera mal-pulizija wara li l-folla li saret indixxiplinata u rriżultat fi ġrieħi lill-pulizija fuq il-post. “Irridkom iġġibu ruħkom bħal Kristu. Il-Mulej Ġesù qatt ma għallimna niġġieldu. Il-Mulej Ġesù qatt ma għallimna nirritaljaw.”