Carlo Carretto kien qassis u kittieb Taljan li kien president tal-Azzjoni Kattolika. Wara, ingħaqad mal-Aħwa Ċkejkna tal-Vanġelu ta’ Charles de Foucauld, minn fejn mar jagħmel għaxar snin f’emeritaġġ l-Alġerija. Dan il-ktieb huwa proprju frott ir-riflessjonijiet li għamel f’dan iż-żmien. F’dawn il-paġni nsibu taħdita ħelwa bejn il-kittieb u l-Madonna fejn il-kittieb jistaqsieha ħwejjeġ intimi u l-Madonna twieġeb. It-taħdita nistgħu niġbruha f’dan il-ħsieb: “Iva, kienet ħaġa sempliċi tnisslu fil-ġisem (lil Ġesù), iebsa għall-aħħar tnisslu fil-fidi!”.
Biex nifmhu din, irridu nneħħu minn moħħna Madonna “fuq l-artal bħala statwa iebsa tax-xema’, imlibbsa l-ilbies ta’ sultana”, u minflok narawha bħala “oħt(na)”, bħala “tfajla sempliċi, umli, fqira,” ma jafha ħadd, f’post imwarrab, imma li “kellha x-xorti titkellem mal-anġli”.
Mur għidilha li kellha “tnissel tifel li jkun Qaddis u iben l-Għoli”. Stħajjel li int Marija, u deherlek l-Arkanġlu! Ġib quddiem għajnejk il-biżgħa u l-persekuzzjoni tas-seksik u lil San Ġużepp jista’ jitla’ s-sinagoga jakkużak quddiem il-Fariżej u wara titħaġġar! Min se jemmnek li dak li qed iġġorr huwa tassew il-Messija? Tgħid it-tentatur ma fesfisx f’widnejn Marija li forsi dak li għandha ma kienx il-Messija?
Imma Marija, lit-tentatur ma tatux widen. Bil-grazzja li taha Alla rrasenjat ruħha u tenniet bħalma qal l-Arkanġlu: “Għal Alla mhemm xejn li ma jistax ikun” (Lq 1,37). Ħadet ħsiebu, għallmitu, emmnet fih u wara li sofriet is-seba’ duluri, it-Trinità ppremjata bl-assunzjoni, ġiet inkurunata reġina tas-sema u l-art u minn Marija saret il-Madonna. B’hekk issa ġiet fi kliem Santa Eliżabetta meta ltaqgħet magħha: “Iva, hienja dik li emmnet” (Lq 1, 45).
Carl Zahra
Kandidat