Mill-aħħar żjara fil-Filippini, meta l-Membri ltaqgħu mal-patrijiet Redemptoristi f’Lipa, ir-relazzjoni bejn il-Membri u l-patrijiet Redemptoristi fil-parroċċa ta’ St Albans, kompliet tissaħħaħ.
Il-Membri ntalbu jagħtu sessjoni dwar it-tradizzjoni u l-kariżma tas-Soċjetà lill-tmintax-il novizz u student tal-komunità tar-Redemptoristi f’Novembru li ġej.
Barra minn hekk, Dun Robin, li huwa responsabbli mill-ministeru taż-żgħażagħ fil-parroċċa, stieden lil Qasam biex jipparteċipa fl-adorazzjoni tal-ewwel Ġimgħa tax-xahar quddiem is-Sagrament. Din l-attività ta’ talb saret nhar il-Ġimgħa, 4 ta’ Ottubru 2024, fil-Parroċċa tal-Ewkaristija f’St Albans. Iż-żgħażagħ tal-Qasam animaw l-adorazzjoni b’mużika u kant ta’ innijiet reliġjużi.
Dun Robin qasam riflessjoni dwar il-Beatu Carlo Acutis u enfasizza l-importanza li nersqu eqreb lejn l-Ewkaristija. Kien hemm ħin fis-skiet għall-meditazzjoni li għen liż-żgħażagħ jifhmu aktar l-importanza li jinżlu aktar fil-fond fir-relazzjoni tagħhom ma’ Ġesù.
Wara l-adorazzjoni, dawk li attendew, qasmu flimkien ikel u xorb li xi ġenituri ġabu biex jinqassmu ma’ kulħadd. Huma kellhom ukoll l-opportunità li jużaw il-faċilitajiet tal-iskola għal ħin ta’ rikreazzjoni. Grazzi lis-Sinjur Alla!