Il-bniedem huwa intrinsikament attirat lejn is-sbuħija. Hija l-istess sbuħija li twassal lill-bniedem biex jinbidel u jsir aktar tajjeb u ġust. Dan huwa t-traġitt tal-bniedem lejn il-verità, lejn l-iskopertà ta’ Alla.
Il-Ġnien il-Meditazzjoni DĦS huwa proġett iddisinjat mill-Perit Richard England li ġie inawgurat is-Sibt 27 ta’ April 2024. Huwa spazju sagru li kull min jidħol fih jista’ jinġabar u jduq is-silenzju, iżda fuq kollox wieħed jista’ jesperjenza is-sbuħija tal-kuluri, tal-forom u tad-dwal, li jwasslu biex jiffaċilitaw il-laqgħa tal-bniedem li jżur dan il-ġnien ma’ Alla.
Fr Kevin Schembri bierek dan il-ġnien fil-preżenza ta’ dawk li taw sehemhom biex dan il-proġett isir realtà. Il-ġnien huwa parti mir-residenza ta’ Dar il-Ħanin Samaritan u ċ-Ċentru tal-Konferenzi DĦS f’Santa Venera.