Nhar l-Erbgħa, 26 ta’ Frar 2025, il-membri tal-qasam ta’ Lipa ngħaqdu mal-inizjattiva Pastoral CAREavan, fit-tielet edizzjoni annwali tagħha organizzata mill-Arċidjoċesi ta’ Lipa. Din l-attività tittella’ bil-kollaborazzjoni ta’ diversi ministeri u għaqdiet fi ħdan id-djoċesi, immexxija mill-Kummissjoni tal-Azzjoni Soċjali (LASAC). L-għan tagħha hu li żżomm il-kuntatt bejn il-knisja u l-komunitajiet fil-periferiji tagħha. Din is-sena, il-programm qed jitmexxa fil-barangays (żoni) mbegħdin mill-inqas siegħa u nofs mill-knisja parrokkjali ta’ San Mikiel Arkanġlu ġewwa Lobo.
Fit-tieni jum tal-CAREavan, il-membri ħadu sehem f’ċelebrazzjoni liturġika mmexxija mill-Arċisqof Gilbert Garcera fl-iskola primarja t’Apar. Fil-quddiesa, ingħataw is-sagramenti tal-magħmudija lil 42 tifel u tifla u 71 adult, filwaqt li 64 irċevew l-Ewwel Tqarbina tagħhom, 214 rċevew il-Griżma tal-Isqof, u tliet koppji ngħaqdu fiż-żwieġ. Apparti minn hekk, gruppi ta’ voluntiera kienu qed joffru servizzi mediċi u dentali lin-nies tal-lokal.
Wara l-quddies, xi membri akkumpanjaw fit-tberik tad-djar, f’għerejjex remoti fiż-żona muntanjuża, filwaqt li l-membri l-oħrajn ħadu sehem f’eżerċizzju ta’ qsim ta’ esperjenzi mal-parteċipanti l-oħrajn.