minn Carmel G. Cauchi, Membru
Matul Novembru niftakru fil-mejtin tagħna, nisimgħu l-quddies għal ruħhom, u nżuru l-oqbra tal-għeżież tagħna biex inpoġġulhom ix-xema’ u l-fjuri, u nitolbu għalihom.
Imma għaliex nagħmlu hekk? Għax aħna nemmnu li mal-mewt ma jispiċċax kollox, imma hemm ħajja oħra, il-ħajja ta’ dejjem. Hekk nistqarru fi tmiem il-Kredu: “U nistenna l-qawma mill-imwiet u l-ħajja taż-żmien li ġej. Ammen”. U fil-quddiesa tal-mejtin ngħidu “Għal min jemmen fik, Mulej, il-ħajja ma tintemmx iżda tinbidel”.
Dan mhux twemmin fieragħ, imma bbażat fuq tliet garanziji kbar li jagħtina Ġesù Kristu nnifsu:
- L-ewwel garanzija għal min għandu l-fidi: “Tassew, tassew ngħidilkom li min jemmen fija għandu l-ħajja ta’ dejjem.” (Ġw 6,47)
- It-tieni garanzija għal min josserva l-Liġi t’Alla: “Tassew, tassew ngħidilkom li min iħares kelmti ma jara l-mewt qatt.” (Ġw 8, 51)
- It-tielet garanzija għal min jersaq lejn l-Ewkaristija: “Min jiekol ġismi u jixrob demmi jkollu l-ħajja ta’ dejjem u jiena nqajmu fl-aħħar jum.” (Ġw 6,54)
Mela Ġesù se jagħti eternità ta’ hena lil min jemmen fih, iħares il-Liġi tiegħu u jitqarben ta’ spiss. U allura ma nħarsux lejn il-mewt bil-biża’ għax nafu u nemmnu li din twassalna biex niltaqgħu mal-Mulej u ngħixu miegħu u mal-għeżież tagħna għal dejjem.
San Karlu Borromeo, Arċisqof ta’ Milan, ried pittura tal-mewt b’mod differenti minn kif ipinġuha s-soltu: skeletru b’minġel f’idu. Lill-pittur talbu jpinġihielu taħt sura ta’ anġlu sabiħ b’muftieħ tad-deheb f’idu. Għax għalih il-mewt mhijiex minġel, imma muftieħ, mhijiex tmiem iżda bidu, mhijiex sqaq imma passaġġ, mhijiex telfa iżda rebħa. Il-mewt hija l-bieb li minnu ngħaddu għal ħajja isbaħ u aħjar.
U hekk għandna nqisuha aħna. Hekk ngħidu fi tmiem it-talba ta’ San Franġisk: “Meta mmutu nerġgħu nitwieldu għall-ħajja ta’ dejjem.”