L-oriġini tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija jeħodna lura għall-bidu tas-seklu 20, jew biex wieħed ikun iktar eżatt, għas-7 ta’ Marzu tal-1907, il-ġurnata li fiha saret l-ewwel laqgħa bejn Dun Ġorġ Preca u grupp ta’ ġuvintur.
Saċerdot żagħżugħ, San Ġorġ Preca, kien imqanqal li jħajjar irġiel u nisa lajċi biex jaqdu lill-Knisja, prinċiparjament billi jgħinhom jgħixu ħajja Nisranija vera, b’dedikazzjoni kbira għall-evanġelizzazzjoni. Jidher li San Ġorġ Preca kien imħasseb ħafna fuq il-qagħda tal-katekiżmu fil-Knisja lokali. Hu kien induna li għalkemm Malta kienet prattikament kollha Kattolika u n-nies kollha kienu jmorru l-knisja, il-biċċa l-kbira tal-Kattoliċi Maltin kien jafu ftit wisq fuq il-veritajiet Insara. B’mod ġenerali, ir-reliġjon kienet isserraħ fuq devozzjonijiet popolari u xejn iktar minn hekk.
Meta kien għadu student fis-Seminarju tal-Arċisqof, San Ġorġ Preca għamel ħbieb ma’ grupp ta’ ġuvintur fil-parroċċa tiegħu, li wara ġurnata xogħol kienu jgħaddu ż-żmien jitkellmu u jilagħbu l-futbol. Huwa malajr daħal fi sħab magħhom u beda jkellimhom fuq affarijiet li kienu jinteressawhom. Ħalla impressjoni kbira fuqhom, speċjalment fuq Ewġenju Borg, ħaddiem żagħżugħ fit-Tarzna, li kellu jsir il-kumpann spiritwali tul ħajtu fil-fondazzjoni tas-Soċjetà. Eventwalment, fis-7 ta’ Marzu tal-1907, inkriet kamra żgħira biex isservi bħala l-ewwel ċentru tas-Soċjetà. Is-Soċjetà xterdet malajr, waqt li nfetħu diversi ċentri f’ħafna parroċċi madwar Malta. Dan wassal għal inkjesta uffiċjali mnedija mill-Vigarju Ġenerali Mons. Salvatore Grech biex tiġi mistħarrġa s-Soċjetà u l-attivitajiet tagħha. Wara tant snin, l-inkjesta, permezz ta’ rapport dwar il-ħidma tas-Soċjetà, ġiet mitmuma u kien hemm xi ftit tibdiliet żgħar fir-regoli bażiċi. Is-sena 1932 rat lis-Soċjetà tkun approvata kanonikament fid-djoċesijiet ta’ Malta u Għawdex mill-Isqof ta’ Malta, Dom Mawru Caruana OSB.
Is-sezzjoni tan-nisa tas-Soċjetà twaqqfet fl-1910 u ħaddnet l-istess spiritwalità tal-irġiel. Għalkemm iż-żewġ sezzjonijiet tas-Soċjetà jaqsmu bejniethom l-istess ideal u jimxu fuq l-istess stil fl-attivitajiet tagħhom, huma totalment indipendenti minn xulxin b’żewġ amministrazzjonijiet differenti. Is-Superjur Ġenerali iservi ta’ sinjal ta’ unità bejn iż-żewġ sezzjonijiet tas-Soċjetà.
Il-Membri tas-Soċjetà huma marbuta b’regola li ġiet approvata mill-Knisja fl-1932, u li kienet imġedda fil-Kapitlu Ġenerali tal-1999. Il-Kandidati li jagħżlu li jsiru Membri fi ħdan is-Soċjetà, iridu jispiċċaw kors ta’ formazzjoni ta’ ħames snin. Il-Membri jħaddnu ċ-ċelibat u r-regola tħajjar għal mod ta’ ħajja Nisranija speċjalment permezz tas-sagramenti u l-ħajja ta’ talb. Flimkien mal-quddiesa u t-tqarbina, il-Membri huma mħeġġa li jitolbu kuljum ‘L-Arloġġ’, ktieb ta’ talb miktub minn Dun Ġorġ, b’talba li għandha tingħad meta u sakemm hu possibbli kull kwarta tal-ġurnata. Il-Membri jsostnu lilhom infushom bix-xogħol u jgħixu ħajja sekulari.
Għalkemm fil-bidu l-biċċa l-kbira tal-membri kienu ħaddiema tal-id, illum il-ġurnata, il-membri tas-Soċjetà jħaddnu firxa wiesgħa ta’ professjonijiet u jaħdmu f’kull qasam tal-ħajja. Il-membri jattendu kuljum fiċ-ċentru assenjat lilhom biex jieħdu sehem fl-appostolat tas-Soċjetà. Minbarra l-appostolat tagħhom mat-tfal, maż-żgħażagħ u mal-adulti, il-membri jkollhom ħin biex jitolbu u jitgħallmu flimkien kuljum. F’dawk il-postijiet fejn hemm numru kbir ta’ Membri, bħal f’Malta u f’Melbourne, il-Membri jiltaqgħu kwazi kull nhar t’Erbgħa fid-dar reġjonali rispettiva taghħom għall-formazzjoni kontinwa tagħhom, fejn kelliema diversi jkunu mistednin biex ikellmu lill-Membri fuq diversi temi.
Hija drawwa sabiħa, li hija wkoll mitluba mir-regola, li kull membru jimxi l-vjaġġ spiritwali u vokazzjonali tiegħu bl-akkumpanjament ta’ direttur spiritwali. Dawn il-Membri li joffru dan is-servizz ta’ diretturi spiritwali jirċievu taħriġ u huma mħeġġa li jżommu ruħhom aġġornati billi jaqraw u jattendu għal korsijiet ta’ aġġornament.
Kull Qasam huwa mitlub li jorganizza irtir darba fix-xahar, li normalment jaħbat fl-ewwel Ħadd ta’ kull xahar. Numru ta’ Oqsma ġieli jingħaqdu flimkien biex iqattgħu l-ħin fit-talb, silenzju u riflessjoni matul dawn l-irtiri. Huwa importanti ħafna li, flimkien mal-Assenjatur ta’ kuljum, il-laqgħa ġenerali ta’ kull ġimgħa u l-laqgħat li wieħed ikollu mad-direttur spiritwali tiegħu, il-membri jankraw l-għeruq tagħhom fi Kristu permezz ta’ dawn l-irtiri ta’ kull xahar u jekk ikun possibli, huwa rakkomandat li Membru jattendi irtir ta’ tmiem il-ġimgħa jew irtir dirett ta’ ġimgħa.
Il-Membri għandhom jgħixu l-ħajja tagħhom bħal ħmira fost dawk kollha li jiġu f’kuntatt magħhom, billi jaqsmu l-karizma li huma jħaddnu ma’ nies oħra, mhux b’mod formali iżda fl-għajxien tal-ħajja ta’ kuljum.
‘Is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija’ huwa l-isem uffiċjali tas-Soċjetà mogħti mill-Knisja lokali fl-approvazzjoni tal-istess Soċjetà fl-1932. Ingħataw isimijiet oħra qabel, iżda dawn ma ġewx approvati. Minkejja dan, is-Soċjetà hija normalment imsejħa bħala M.U.S.E.U.M. u probabbli f’Malta wieħed juża dan l-isem meta jkun qed jirreferi għas-Soċjetà.
L-isem jaf l-oriġini tiegħu sa mill-ewwel ġranet tat-twaqqif tas-Soċjetà minn suġġeriment li kien għamel membru żagħżugħ, Salvu Muscat, li ħareġ b’dan l-isem. L-idea kienet li peress li kull pajjiż iżomm it-teżori tiegħu fil-mużewijiet, is-Soċjetà stess, iżżomm l-iktar affarijiet prezzjużi: il-Bibbja u l-formazzjoni fil-fidi tagħna. Dun Ġorġ, aktar tard, ta tifsira ġdida għal dan l-isem meta lil kull ittra tal-kelma MUSEUM assenjalha kelma b’dan il-mod: Magister Utinam Sequatur Evangelium Universus Mundus, li bil-Malti tfisser: Mgħallem, mhux li kien id-dinja kollha timxi wara l-Evanġelju.