It-talb huwa fil-qalba ta’ kull fidi. Bħalma ma tistax tħobb lil martek jew lil żewġek mingħajr ma tqatta’ l-ħin magħhom, ma tistax timxi wara Alla mingħajr ma tersaq lejh kuljum fit-talb. Dan tista’ tgħid jidher f’kull tradizzjoni ta’ twemmin ieħor. Pereżempju Lhudi prattikanti jieqaf biex jitlob tliet darbiet kuljum, filwaqt li l-Musulmani jitolbu ħames darbiet. Madankollu, din hi ħaġa li fil-fidi tagħna jidher li traskurajna sew, tal-inqas fil-pajjiżi tal-Punent, u madwarna qed naraw il-frott ta’ din it-traskuraġni għax il-fidi qiegħda dejjem titlef il-prominenza tagħha fil-ħajjiet tagħna. Saħansitra qed nissagrifikaw il-quddiesa tal-Ħadd li għal ħafna kienet l-aħħar appuntament regolari mal-ħajja tal-fidi. X’nistgħu nagħmlu quddiem dan kollu? Inħallu l-kliem ta’ Kristu jispirana, “Ħallu d-dawl tagħkom jiddi”! Ejjew inkunu nies ta’ talb! Ejjew nagħmlu mill-quddies tal-Ħadd esperjenza ta’ talb tassew spiritwali! Mhux importanti kemm nies jitilgħu ħdejn l-altar biex jagħmlu xi ħaġa! Għax mhux biss min jaqra jew itella’ l-offerti qed jieħu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni. Kull min qiegħed fil-knisja waqt il-quddiesa qed jieħu sehem f’din it-talba. Imma rridu nagħmluha mument ta’ talb. Ejjew kuljum insibu ħin biex nitolbu u fl-intenzjonijiet tagħna nitolbu lil Alla biex ikattar il-fidi fin-nies qrib tagħna! Ma ninsewx li Kristu stess qalilna li “kull min jitlob, jaqla’”!
Societas Doctrinæ Christianæ M.U.S.E.U.M.
207
Triq San Ġorġ Preca
Marsa MRS 9090
Malta EU