Fl-Epifanija niċċelebraw kif Ġesù wera lilu nnifsu lill-umanità, ġrajja li tfakkarna fiż-żjara tas-Slaten Maġi. Iżda niftakru wkoll li Ġesù jkompli juri lilu nnifsu lilna fil-magħmudija tiegħu, fuq il-muntanja Tabor, waqt il-mirakli tiegħu, fuq il-Golgota u b’mod mill-aktar qawwi fil-qawmien tiegħu mill-imwiet.
Kif jgħid San Ġwanni: “u aħna rajna l-glorja tiegħu” (Ġw 1:14). Din il-glorja ddawwal lil dawk kollha li jiftħu qalbhom għalih biex iwarrbu d-dlam tad-dnub minn qalbhom. Ġesù jistedinna biex, bħas-slaten, nagħrfuh bħala s-sultan tagħna, nadurawh bil-qalb bħala Alla tagħna u noffrulu b’mod totali r-rieda tagħna.
Filwaqt li nkomplu bil-vjaġġ tal-ħajja tagħna, nitolbu l-grazzja li nagħrfuh dejjem aktar, għax għal dan biss aħna ġejna maħluqin: li nkunu f’relazzjoni ħajja u sabiħa miegħu. Santu Wistin jgħallimna li t-tfittxija għall-maħbub tagħna Ġesù hija l-isbaħ avventura tal-ħajja u li jirnexxielna nagħrfuh hija l-akbar skoperta.
Sinjur Alla, din hi l-ħajja ta’ dejjem,
li aħna l-bnedmin nagħrfu lilek,
Alla waħdek veru u lil Ġesù Kristu li Inti bgħatt:
iftħilna s-sens nitolbuk, biex bil-grazzja tiegħek,
nagħrfu fl-art lilek u lil Ġesù Kristu nnifsu,
u hekk ikollna l-ħajja ta’ dejjem. Ammen.
(Praeconia, San Ġorġ Preca)