San Ġorġ Preca kien konxju li kellu sejħa divina biex jgħallem lill-poplu ta’ Alla. Għalkemm huwa kien jgħix Malta, qalbu kienet miftuħa għad-dinja kollha. Dik hija t-tifsira tal-akrostiku M.U.S.E.U.M. – Magister Utinam Sequatur Evangelium Universus Mundus: Mgħallem, mhux li kien li d-dinja kollha timxi wara l-Evanġelju. San Ġorġ Preca għex qabel il-Konċilju Vatikan II (1962-65), iżda l-viżjoni tiegħu marret lil hinn minn kull medda ta’ żmien.
Preca wettaq il-ministeru tat-tagħlim permezz ta’ diversi mezzi u forom. Huwa ppriedka, ta pariri, farraġ, qatta’ sigħat jisma’ l-qrar u kien jitlob bla waqfien. Imma kien jemmen ħafna wkoll fil-kelma miktuba: kien iqatta’ sigħat jikteb.
San Ġorġ Preca kien ħabib tal-qari. Minbarra l-Bibbja, u partikolarment it-Testment il-Ġdid li kien jaf kważi bl-amment, kien jaf il-kitbiet ewlenin ta’ kittieba spiritwali. Għalkemm il-formazzjoni spiritwali u teoloġika tiegħu hija mmarkata mix-xejriet komuni ta’ żminijietu, ċertu kitbiet jitfgħu dawl fuq il-kariżma u l-ispirtiwalità tiegħu.
Dan id-Direttorju Spiritwali jista’ jitqies bħala kompendju tal-pariri u direttivi l-aktar komuni ta’ San Ġorġ Preca, jiġifieri tal-ispirtu tiegħu. Uħud mid-“Direttivi” dehru stampati, bħala fuljetti ta’ sittax-il paġna, bejn l-1954 u l-1960, sentejn qabel mewtu. Fl-1988 il-ktieb, li kien fih is-605 direttiva kollha, ġie stampat għall-użu mill-membri tal-Soċjetà u għall-pubbliku ġenerali. Il-kontenut ta’ xi ftit direttivi jrid jiġi mibdul xi ftit biex jirrifletti t-tagħlim aġġornat tal-Knisja tallum. Iżda, fil-biċċa l-kbira, kollha jirriflettu l-ispirtu radikali tal-Vanġelu li wasslu l-ħajja ta’ San Ġorġ Preca għall-qdusija. Għalhekk nistgħu ngħidu li dan huwa qari tajjeb għalina lkoll biex nikbru fil-ħajja spiritwali.
Dawn huwa ftit mid-direzzjonijiet li jinsabu fid-Direttorju Spiritwali:
Min hu wieqaf joqgħod attent li ma jaqax: tkun tassew ingannat jekk tahseb li ma tistax taqa’ meta inti sod fil-virtù. Kont tobsor li Salamun bl-għerf tiegħu kellu jaqa’, jew lil David bil-qdusija tiegħu kellu jaqa’? Huwa l-biza’ li għandu jmexxina.
Studja biex tagħraf ’l Alla mill-opri ta’ idejh: jekk il-bahar ibezzgħek, kemm izjed Alla hu ta’ min jibza’ minnu! Jekk kewkba hija sabiha, kemm izjed Alla li halaqha! Jekk missier ihenn għal uliedu, kemm izjed Alla li għamel il-qalb tal-bniedem! Jekk omm thobb ’l uliedha, kemm izjed Alla! u l-bqija.
Alla ’l hadd ma jhobb hlief lil dak li jhobb it-tagħlim: it-tagħlim huwa l-għajn ta’ kull gid: hadd ma jista’ jgħix tajjeb jekk ma jfittixx li jitgħallem. Kull bniedem huwa obbligat jitgħallem, għax huwa obbligat li jtemm id-dmirijiet tiegħu: immela min jittraskura t-tagħlim jistenna t-telfien ta’ dejjem.
Il-proponiment jew il-fehma li ma tidnibx izjed għalli gej għandu jkun sod u ferm, u effikaci jigifieri li tagħmel il-mezzi biex ma tidnibx specjalment li tahrab l-okkazzjoni prossima tad-dnub, u għandu jkun universali jigifieri li ma tagħmel ebda dnub volontarjament.
Il-proxxmu tagħna fid-dinja huwa okkazjoni għalina jew tas-salvazzjoni tagħna eterna, jew ta’ dannazzjoni eterna. Permezz tiegħu nitharrgu fl-imhabba, u alluta beati ahna; u tassew jahasra għalina, jekk nobogħdu bniedem wiehed biss li huwa xbiha ta’ Alla, għax inkunu allura nobogħdu ’l Alla.