Il-Benedicta deher stampat l-ewwel darba fl-1934. Oriġinarjament kien ktieb għall-użu privat tal-Membri biex jinqara fix-xahar ta’ Awwissu.
Il-Benedicta, jiġifieri l-‘Imbierka’, tirreferi għal Marija Santissima, omm l-Iben ta’ Alla nnifsu. F’dan il-ktieb ta’ riflessjonijiet qosra dwar il-ħajja tal-Madonna tidher bla dubju l-imħabba li kellu l-Fundatur lejn Ommna tas-sema. Dun Gorġ kien jitgħaxxaq jaħseb fuq il-Madonna u l-kobor li bih Alla għoġbu jlibbisha.
Dun Gorġ għamel minn kollox biex ixerred devozzjoni ġenwina lejn Marija u lejn binha Ġesù u kien ukoll jippromovi diversi devozzjonijiet popolari għal kulħadd.
F’kull paġna tal-Benedicta, Dun Ġorġ jistħajjel lill-arkanġlu San Gabrijel jitkellem fuq Marija Santisima dwar xi punt mill-ħajja tagħha jew jiġbed xi tagħlim dwar xi virtù — l-aktar l-umiltà — li kienet imżejna biha.
Minkejja li nistgħu nqisu dan il-ktieb bħala ktieb ta’ devozzjoni popolari, wieħed xorta waħda jiltaqa’ wkoll ma’ tagħlim teoloġiku.
Minbarra il-31 paġna għal kull ġurnata tax-xahar, wieħed isib ġabra ta’ 31 sentenza, msejħin Qari ta’ Prattiki għal tul ix-xahar ta’ Awissu, u huma maħsuba biex il-qarrej devot jaqra waħda kuljum. Dan il-ktieb iħalli ġid spiritwali kbir meta jinqara fi spirtu ta’ skiet u ġabra.
San Gabrijel: Issa nistedinkom biex issellmu miegħi ’l Marija u li tifirħulha.
Kor: Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek, imbierka int fost in-nisa.
Ifraħ, o Verġni Marija, għax Int sibt grazzja quddiem Alla. Inti li emmint għall-kelmiet ta’ l-Arkanġlu Gabrijel, filwaqt li bqajt xebba, nissilt ’l Alla u Bniedem; u wara li tajtu lid-dinja, bqajt xebba bla mittiefsa. Omm Alla, idħol għalina.