L-intenzjoni retta hija waħda mit-temi spiss diskussi minn San Ġorġ Preca. Dan il-ktieb inkiteb minn Dun Ġorġ Preca fl-1945 u fih 35 sessjoni (kapitlu) li bihom il-qarrej jista’ jirrifletti fuq il-intenzjoni u l-motivazzjoni tal-atti tiegħu. Dun Ġorġ jidħol fil-fond fuq il-motivi li jġegħluna nġibu ruħna bil-mod kif naġixxu. Irrakkomandat ħafna lil dawk li jridu jieħdu l-ħajja spiritwali tagħhom bis-serjetà, jevitaw il-qerq u jagħtu glorja akbar lil Alla.
It-tlettax-il kapitlu jirrifletti fuq:
L-intenzjoni retta hija li tagħti l-valur lil għemilna
Mhux il-virtù iżda l-kawża tal-virtù għandha l-ħlas quddiem Alla. L-ebda azzjoni ma tissejjaħ żgħira meta magħmula għall-glorja ta’ Alla, infatti l-inqas att indifferenti u l-aktar wieħed baxx magħmul għall-glorja ta’ Alla, huwa aktar mill-aqwa u l-għola opra magħmula b’intenzjoni naturali.
Dak li ma jsirx għal glorja ta’ Alla jgħix biss minn hawn sal-qabar, u jixbah lil duħħan li jidher għal ftit mbagħad igħib; iżda kull opra magħmula għall-ġieħ ta’ Alla tgħix għal dejjem. Alla huwa spirtu u dawk li jadurawh jenħtieġ li jadurawh bl-ispirtu u bil-verità, u bħal dawn ifittex il-Missier ’il min jadurah. Alla jgħodd magħmul quddiemu mhux dak li jsir materjalment, iżda dak li jkun irid l-ispirtu ta’ kull bniedem, jiġifieri l-volontà: tant li dak li wieħed jixtieq u ma jistax jagħmel, kemm tajjeb u kemm ħażin, huwa quddiem Alla magħdud b’magħmul.
Immela, xewqa tajba Alla jħallasha daqs kemm kieku ġiet magħmula. Ma tissejjaħx xewqa dik li mhix sinċiera, jiġifieri mhix imsieħba b’ħajja tajba għall-glorja ta’ Alla. Ma tistax tixtieq il-glorja ’l Alla meta b’għemilek toffendih: xewqa bħal din mhix vera xewqa, iżda ċaqliq biss tax-xufftejn. Alla tagħna huwa Alla tal-paċi, għalhekk ma għandux wieħed jitħawwad u jinkwieta meta ma jistax jagħmel xi ħaġa għal glorja ta’ Alla mħabba xi impedimenti ġusti, iżda għandu jżomm il-kalma u l-kwiet, u dak li ma jistax jagħmel bil-fatti, jagħmlu sinċerament bix-xewqa; b’hekk Alla xorta jieħu glorja.
Il-kejl ta’ Alla ma jkejjilx biss dak li nagħmlu u kemm nifilħu, iżda l-mottiv li għalih nagħmlu, jiġifieri l-intenzjoni. Kristu fl-Evanġelju, ma faħħarx lil dawk li mill-ħafna li kellhom xeħtu fil-kaxxa tat-tempju ħafna flus, iżda faħħar lil dik l-armla fqira li mill-ftit li kellha xeħtet ħabbtejn: xeħtet tassew ftit iżda l-ftit li kellha, tant, li Kristu stess stqarr “li l-armla xeħtet iżjed minnhom ilkoll.” Ma għandniex nieqfu li nixtiequ ħwejjeġ kbar għall-glorja ta’ Alla.