Fit-22 ta’ Diċembru, il-Membri tal-Qasam ta’ Durrës, fl-Albanija, organizzaw għall-ewwel darba l-purċissjoni bil-bambin f’diversi toroq ta’ Durrës biex ifakkru lil kulħadd fir-raġuni ewlenija tal-Milied: L-Inkarnazzjoni ta’ Alla!
Waqt li żżomm is-sempliċità tat-twelid ta’ Ġesù, skont l-ispirazzjoni ta’ San Ġorġ Preca, u akkumpanjata minn statwa ta’ Ġesù Bambin, dwal tax-xemgħat, kanzunetti u bandalori b’messaġġi bibliċi, numru ta’ persuni mill-komunità parrokkjali mxiet flimkien tagħti xhieda għall-missjoni tal-Knisja: li ġġib lil Kristu, dawl tad-dinja, għal kull persuna.
L-iskop ewlieni tal-purċissjoni kien li xxerred id-devozzjoni lejn il-misteru tal-Inkarnazzjoni ta’ Alla – iċ-ċentru tal-fidi Nisranija – u li tfakkar lil kulħadd fl-imħabba ta’ Alla għalina: Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.(Ġw 3:16).