Il-ħajja tal-fundatur, San Ġorġ Preca, kienet mfawwra bl-imħabba ta’ Alla! Għalhekk huwa għallem bla heda bil-kitbiet u bil-kelma, fil-pjazez, fit-toroq u b’mod speċjali fl-Oqsma tas-Soċjetà. X’eżempju qawwi li ta’ min wieħed jimitah!
Ftit snin wara li waqqaf is-Soċjetà, Preca kien fi triqtu bil-mixi biex jagħmel proprju dan, jiltaqa’ mal-membri u t-tfal f’wieħed mill-Oqsma. Din kellha tkun mixja straordinarja għal Dun Ġorġ, għax matulha esperjenza viżjoni, li aktar tard iddiskriviha bħala waħda stupenda. Mat-triq ra tifel, ta’ madwar tnax-il sena, jiġbed karretta bi xkora demel marbut fuqha. F’ħin minnhom, dan it-tifel dar lejn Dun Ġorġ u b’vuċi awtorevoli ordnalu: “Agħtini l-għajnuna!” Għalkemm Dun Ġorġ inħasad xi ftit, bil-kalma u mingħajr biżgħa, il-Fundatur fetaħ dirgħajh u beda jimbotta l-karretta bit-tagħbija tad-demel li t-tifel innifsu kien qed jiġbed.
Meta rrifletta fil-fond fuq din il-viżjoni, San Ġorġ Preca fehem li t-tifel ta’ tnax-il sena li kien qed jiġbed il-karrettun kien Ġesù, li ta’ dik l-età nstab fit-tempju fost l-imgħallmin Lhud, il-karretta u d-demel kienu jirrapreżentaw lis-Soċjetà u hu kien wara jimbotta. Il-Fundatur kien konvint li hu ma kienx waħdu; il-Membri tas-Soċjetà kienu hemm miegħu, jimbuttaw u jafdaw f’dak li kien qed imexxihom tul t-triq.
Illum, il-Mulej għadu jiġbed lis-Soċjetà f’missjonijiet ġodda u l-Membri għadhom jimbuttaw il-karrettun biex aktar nies iħaddnu l-Bxara t-Tajba tal-Evanġelju. San Ġorġ Preca qed isejjaħ bil-ħerqa lill-Membri biex jibqgħu jimbuttaw il-karrettun u jgħixu l-vokazzjoni Museumina u l-kariżma unika tagħha! Lill-ħbieb kollha tas-Soċjetà, nitolbuhom iżommu lill-Membri fit-talb tagħhom, biex qatt ma jieqfu milli jwettqu s-sejħa tagħhom u jkunu xhieda għall-poplu t’Alla!