L-Esperjenza Mistika Tiegħu
Jekk Dun Ġorġ kellu numru ta’ ostakli li kellu jissupera fl-ewwel ħamsa u għoxrin sena mit-twaqqif tas-Soċjetà, iżda s-Sinjur Alla ma ħalliehx jerfa’ iktar mill jiflaħ. F’xi mumenti, donnu Alla stess intervjena b’mod tanġibbli għall-aħħar biex isaħħah l-fidi u l-moral ta’ dan il-qassis żagħżugħ.
Okkażjoni partikulari kienet meta Dun Ġorġ kien qed jirritorna d-dar wara li kien ġej lura minn Raħal Ġdid. Huwa għadda minn ħdejn statwa ta’ salib fuq kolonna. Hekk kif qorob viċin tas-salib, jara tifel ta’ madwar tnax-il sena jiġbed karretta mimlija demel. It-tifel dar u ħares lejn il-qassis u ordnalu biex jgħinu. Dun Ġorġ poġġa jdejh fuq il-qoffa u beda jimbotta. Huwa kien jirrakkonta li xħin poġġa jdejh fuq il-qoffa tad-demel, inħakem minn sens kbir ta’ ferħ tant li lanqas ma jiftakar f’liema direzzjoni mxew. Dun Ġorġ irrakkonta din l-esperjenza mistika numru ta’ drabi u kienet mifhuma minnu bħallikieku kienet approvazzjoni u kuraġġ minn Ġesù nnifsu għas-Soċjetà l-ġdida.
Esperjenza mistika oħra li kellu Dun Ġorġ ġrat madwar is-sena 1916. F’dak iż-żmien, fil-gazzetti lokali kienu ppubblikati numru konsiderevoli ta’ ittri bl-iskop li jumiljaw lill-qassis żagħżugħ. Bħal kull individwu ieħor, kien dejjem diffiċli għalih li joqgħod għal tant gideb li nkitbu kontrieh u Dun Ġorġ ġie bejn ħaltejn kif kellu jirreaġixxi għalihom. Ġurnata fost l-oħrajn, hekk kif daħal id-dar u kien tiela’ t-taraġ biex jidħol fil-kamra tiegħu, għadda minn ħdejn inkwatru tal-Madonna tal-parir it-tajjeb. Huwa waqaf quddiemu u talab fuq dak li kien għaddej minnu. Hekk kif waqaf mit-talb, huwa sema’ vuċi ċara li qaltlu bil-Latin: Serva Silentium, li tfisser, żomm is-silenzju. Huwa kkonkluda li kienet il-Verġni Mbierka li kienet qed tgħidlu biex ma jirritaljax jew inkella jwieġeb lura b’xi mod għall-akkużi foloz li wħud kienu qalgħu kontrieh.
Kittieb Prolifiku
San Ġorġ Preca kien raġel b’dinamiżmu u b’enerġija kbira. Bħalma xehdet is-seftura li kellu d-dar, Nellie Bartolo, kien ta’ spiss iqabbad ix-xemgħa (litteralment, għax hu għex ħajja ta’ faqar assoltu) sa tard bil-lejl biex jipprepara il-prietki tiegħu jew jikteb xi wħud mill-140 ktieb u fuljetti. Ix-xewqa tiegħu kienet li jeduka lil Malta fl-imħabba tagħha lejn Alla u lejn il-proxxmu, u li d-dinja kollha taċċetta l-Evanġelju (Magister Utinam Sequatur Evangelium Universus Mundus). Hu kien lest li ma jaħfirhiex lilu nnifsu biex jilħaq l-għan tiegħu. Fi żmien meta l-kwistjoni tal-lingwa kienet fl-aqwa tagħha f’Malta, u lsienna kien minsi riżultat tal-ġlieda għas-supremazija bejn it-Taljan u l-Ingliż, San Ġorġ Preca beda jikteb għall-pubbliku bil-Malti. Il-manuskritti tal-bidu jmorru lura sas-sena 1909, u diġà ġew rikonoxxuti l-merti ta’ San Ġorġ Preca bħala kittieb. Huwa uża metodu inġenjuż billi beda jqassam ‘karti manwali’, kif kien isejħilhom – karti stampati dwar xi punti tad-duttrina Nisranija li kienu jitqassmu bl-idejn – bl-iskop ta’ tagħlim ta’ aspetti differenti tal-ħajja nisranija.
Il-Predikatur
Bħala predikatur, San Ġorġ Preca kien imfittex ħafna, u meta kienet tiġri l-aħbar mar-raħal jew il-belt li l-qassis qaddis kien ikun ġej fir-raħal, in-nies kienet titqanqal biex tmur tisimgħu jitkellem. Hekk kif kien jgħaddi minn ġot-toroq, wieqaf u kemm kemm inklinat ‘il quddiem, b’idejh merfugħa biex ibierek, it-tfal kienu jinġabru madwaru u l-ommijiet kienu jitolbuh biex iberkilhom lit-trabi u l-kuruni tagħhom. Il-qawwa tiegħu kienet ‘il fuq mill-kliem, bħal dik ta’ ħafna (jekk mhux kollha) mexxejja kbar. Meta kien jitkellem, minbarra l-kliem, kellu mod kif jesprimi ruħu b’sentimenti u b’konvinzjoni personali li bihom kien iqanqal lill-poplu. Il-virtù li kienet toħroġ minn ġo fih kienet tiġbed lejh kemm adulti u anki tfal, u din għamlet il-katekeżi li kien jagħti iktar effikaċi mill-elokwenza tal-pulptu ta’ dak iż-żmien. Kien jaf jidħaq u jagħmel lin-nies jidħqu bin-nuqqasijiet tal-bniedem sakemm dejjem kien jiġbed ir-riflessjoni b’mod fin fit-tmiem. Hu kien jaf kif iġiegħel lin-nies ikunu konxji mis-sejħa gravi li kellhom bħala Nsara, filwaqt li kien jagħmilhom konxji mhux biss tal-premju u t-tjubija t’Alla, iżda wkoll tal-ġustizzja tiegħu u l-kastig.
Ħadd ma kien eskluż minn imħabbtu, tant li Malta u Għawdex kollha kienu influwenzati bil-kapaċità tiegħu li jaddatta l-perfezzjoni tal-ħajja spiritwali għal kull mara tad-dar u għal kull ħaddiem komuni. Nies sinjuri, ħaddiema tat-tarzna, dawk li jiġbru ż-żibel mit-toroq – kulħadd kien ikun miġbud mill-messaġġ qawwi tal-qassis biex ibiddel ħajtu.