Fl-ittra li biha sejjaħ lill-Knisja biex tippromwovi l-Evanġelizzazzjoni fis-snin ta’ qabel il-Ġublew il-Kbir tal-2025, Papa Franġisku jagħlaq bi stedina qawwija għall-Knisja kollha biex nagħmlu minn din is-sena waħda ċċentrata fuq it-talb. F’din l-ittra l-Papa jagħmel referenza għal ħafna affarijiet li effettwaw bil-kbir b’mod negattiv il-ħajja tista’ tgħid ta’ kulħadd. Quddiem il-ħafna aħbarijiet koroh, il-Papa jsejjaħ lill-Knisja kollha biex trewwaħ il-fjammi tat-tama. B’dan il-ħsieb jagħlaq l-ittra b’xewqa qawwija li nagħmlu minn din is-sena waħda mimlija bit-talb tagħna.
Nixtieq ħafna li niddedikaw l-2024, is-sena ta’ qabel l-avveniment tal-Ġublew, għal “sinfonija” kbira ta’ talb. Talb, fuq kollox, biex inġeddu x-xewqa tagħna li nkunu fil-preżenza tal-Mulej, nisimgħuh u nadurawh. Talb, barra minn hekk, biex nirringrazzjaw lil Alla tal-ħafna doni tal-imħabba tiegħu għalina… It-talb bħala l-espressjoni ta’ “qalb u ruħ” waħda (Atti 4,32), li mbagħad jissarraf f’solidarjetà u fil-qsim tal-ħobż tagħna ta’ kuljum. Talba li tagħmilha possibbli li kull raġel u mara f’din id-dinja jduru lejn Alla wieħed u jaqsmu miegħu dak li jinsab moħbi fil-fond ta’ qalbhom. It-talb bħala t-triq il-kbira għall-qdusija, li tgħinna nkunu kontemplattivi anke f’nofs l-attività.
F’kelma waħda, jalla tkun sena intensa ta’ talb li fiha jinfetħu l-qlub biex jirċievu n-nida tal-grazzja ta’ Alla u biex jagħmlu t-talba li għallimna Ġesù tal-“Missierna,” il-programm tal-ħajja ta’ kull wieħed mid-dixxipli tiegħu.