Ejjew nifirħu llum b’mod speċjali, ma’ San Mikiel Arkanġlu u sħabu. Ejjew infaħħruhom u nberkuhom għax huma qaddejja leali ta’ Alla. Tifħir, unur u glorja lil San Mikiel u lill-Anġli fidili kollha, u lil Alla għal dak kollu li għamel magħhom.
San Ġorġ Preca kellu devozzjoni profonda lejn San Mikiel Arkanġlu, li għażlu bħala d-difensur tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (SDC). Huwa kien iħeġġeġ lill-Membri biex kuljum isellmu lil San Mikiel bit-talba:
San Mikiel Arkanġlu,
Difensur qalbieni,
Kenn u ħarsien tagħna.
Itlob ’l Alla għalina
Unur u glorja lilek, o ħelu San Mikiel Arkanġlu tagħna.
Kbir hu tassew ismek kullimkien.
Għal ismek jifirħu s-smewwiet;
titqawwa l-Knisja Militanti;
jitfarraġ il-Purgatorju, u jitriegħed l-Infern b’rogħda ta’ biża’ antik
għall-vittorja li int għamilt fuq l-għedewwa t’ Alla li qatt u qatt ma tintesa.
Lill-anġli ta’ Alla, kull ġieħ u glorja,
għax lilu jaqdu u jagħtu qima: kull ġieħ u glorja.
Diversi ġrajjiet fil-ħajja ta’ San Ġorġ Preca jixhdu kemm San Mikiel kien figura sinifikanti fil-ħajja tiegħu. Ġrajja notevoli kienet il-viżjoni li esperjenza meta kellu madwar ħames snin, fejn Dun Ġorġ iltaqa’ ma’ żagħżugħ liebes ta’ uffiċjal Ingliż li kien tah arloġġ tad-deheb. Aktar tard f’ħajtu, San Ġorġ interpreta din il-ġrajja b’mod simboliku. Hu kien jgħid li l-uffiċjal kien San Mikiel innifsu u l-arloġġ li irċieva mingħandu kien jirrappreżenta l-ktieb tat-talb li Dun Ġorġ kiteb għall-Membri bl-isem ta’ L-Arloġġ.
Id-devozzjoni ta’ Dun Ġorġ lejn San Mikiel kienet tidher aktar meta kien jiċċelebra l-festa ta’ San Mikiel fid-29 ta’ Settembru b’entużjażmu kbira. Ħafna drabi huwa ħeġġeġ lill-Membri biex iqattgħu l-lejl kollu tal-velja fit-talb, prattika li għada tinżamm sallum.
L-isem Ebrajk mîḵā’ēl, li jfisser ‘min hu bħal Alla’, għadu jidwi madwar id-dinja llum. Jalla aħna nkomplu nxerrdu din il-verità permezz ta’ kliemna u ta’ għemilna, sabiex in-nies kollha jagħrfu li m’hemm ħadd ’il fuq minn Alla u b’umiltà kbira jpoġġu lilhom infushom f’idejn Alla l-Missier li hu fis-Smewwiet li tant iħobb lill-kreaturi tiegħu.